Dettalji tax-Xogħol

  • Avatar

    Konsulent Gastroenterologu b'interess speċjali fl-Endoscopic Ultrasound u fl-ERCP fid-dipartiment tal-Gastroenteroloġija u Immunoloġija, fl-Isptar Mater Dei

     Nru. ta' Referenza Gazzetta tal-Gvern 17.04.2025


    Pubbliku Ġenerali  

    Indefinita  

    Kura tas-Saħħa, Medika u Caring
    Data ppubblikata: 17/04/2025 11:00
    Data tal-għeluq: 05/05/2025 17:15
    Ministeru: Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva

Konnessjoni
Ara d-dokument Malti 
Ara d-dokument English 
Ara d-dokument Job Duties 
1. Id-Direttur Ġenerali (People Management), Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva tilqa’ applikazzjonijiet għall-post ta’ Konsulent Gastroenterologu b'interess speċjali fl-Endoscopic Ultrasound u fl-ERCP fid-Dipartiment tal-Gastroenteroloġija u Immunoloġija, fl-Isptar Mater Dei, fil-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva

2.1 Din il-ħatra hija suġġetta għal perjodu ta’ prova ta’ sena (1).

2.2 Is-salarju ta’ Konsulent huwa ta’ Skala ta' Salarju 4, li fis-sena 2025 huwa €41,530.00  fis-sena.

2.3 Persuna fil-ħatra ta’ Konsulent tirrapporta direttament liċ-Chairperson Kliniku tad-Dipartiment tal-Gastroenteroloġija u Immunoloġija.

2.4 Persuna li tiġi maħtura tkun tista' tagħżel li taħdem fuq bażi ta’ Kuntratt A jew Kuntratt B.

2.5 Persuna maħtura tkun intitolata għal tali benefiċċji oħra, u suġġetta għal tali kundizzjonijiet u obbligi oħra li jkunu mniżżlin fi kwalunkwe ftehim rilevanti bejn il-Gvern u l-Unjin kompetenti.

2.6 Il-kandidati magħżula għandhom ikunu ta’ kondotta xierqa għall-post/pożizzjoni li għalih saret l-applikazzjoni. Dawk li japplikaw minn barra s-Servizz Pubbliku għandhom jipproduċu Ċertifikat tal-Kondotta maħruġ mill-Uffiċċju tar-Rekords Kriminali jew awtorità kompetenti oħra mhux aktar minn sitt (6) xhur qabel id-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, li għandu jiġi sottomess mill-persuna magħżula fi żmien ġimgħa (1) mid-data tan-notifika tal-ħatra.

2.7 Fir-rigward tar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttiva 16, dwar il-‘Qafas Governattiv għall-Prevenzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kunflitti ta’ Interess fl-Amministrazzjoni Pubblika’, maħruġ mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fis-27 ta’ Novembru 2023 u li daħal fi-seħħ fl-1 ta’ Frar 2024, il-Bord tal-Għażla se jivvaluta l-impjiegi preċedenti tal-kandidati biex jevalwa l-kunflitti ta’ interess potenzjali. F’dan ir-rigward, il-kandidati għandhom jipprovdu CV kompletament aġġornat, inkluż il-kwalifiki u l-istorja tal-impjieg mal-applikazzjoni tagħhom. Kwalunkwe kwistjoni ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali nnutata għandha tiġi rrappurtata lis-Segretarju Permanenti rispettiv biex jiġi żgurat li, jekk il-kandidat jiġi reklutat, tali kunflitti ta’ interess ikunu mmaniġġjati b’mod xieraq. 
​​
Il-kandidat/i magħżul/a jkun/u meħtieġ/a jimla/jimlew id-Dikjarazzjoni disponibbli fl-Appendiċi  1 tad-Direttiva 16 (disponibbli hawn), peress li din il-kariga/pożizzjoni hija fi skala ta’ salarju 5 jew ogħla.




Dmirijiet

3.1 Id-dmirijiet għal dan il-post ta’ Konsulent Gastroenterologu b'interess speċjali fl-Endoscopic Ultrasound u fl-ERCP jinsabu fl-Anness A mehmuż ma’ din iċ-Ċirkolari. 

3.2 Persuna appuntata tista’ tkun rikjesta twettaq dmirijiet fi kwalunkwe servizz għall-kura tas-saħħa f’Malta u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex skont id-diskrezzjoni tal-Amministrazzjoni.

Eliġibbiltà

4.1 Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandhom ikunu:
    1. ċittadini ta’ Malta; jew

    2. ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew

    3. ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg minħabba li jkunu japplikaw għal dak il-pajjiż leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqlieq ħieles tal-ħaddiema; jew

    4. kwalunkwe persuni oħra li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg permezz tar-relazzjoni familjari tagħhom ma persuni msemmija f’(a), (b) jew (c), skont kif hemm fil-liġi jew fil-leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati msemmija hawn fuq; jew

    5. ċittadini  ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw status ta’ residenti li joqogħdu għal żmien twil f’Malta taħt ir-regolament 4 tar-Regolamenti tal-2006 dwar ‘Status ta’ Residenti li joqogħdu għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi)’, jew li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-regolament 18(3) tal-istess regolamenti, flimkien mal-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-Regolamenti tal-2007 dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji; jew

    6. fil-pussess ta’ dokument tar-residenza maħruġ skont id-dokument ‘Status ta’ Residenza ta’ Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja tagħhom f’Malta skont il-Ftehim dwar l-Irtirar tar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u r-Regolamenti tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika’.
Għandu jintalab il-parir tat-Taqsima taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Komunita` Malta u  tat-Taqsima tal-Espatrijati fi ħdan Identita` skont il-ħtieġa fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Il-ħatra ta’ kandidati msemmija f’(b), (c), (d) u (e) hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja tax-xogħol f’dawk il-każijiet fejn hija meħtieġa skont l-Att dwar l-Immigrazzjoni u leġiżlazzjoni sussidjarja. Jobsplus għandha tiġi kkonsultata skont il-ħtieġa dwar din il-materja.
  1. profiċjenti fil-lingwa Maltija u l-lingwa Ingliża;
Qed jiġi hawnhekk innutat li kandidati li mhumiex profiċjenti fil-lingwa Maltija jistgħu jibqgħu jiġu kkunsidrati sakemm il-kandidati magħżula jipprovdu evidenza ta’ profiċjenza bażika fil-lingwa Maltija fi żmien sena (1) mill-ingaġġ, billi jgħaddu b’suċċess mill-eżami fil-Basic Medical Maltese for the Healthcare Profession Part 1 u Part 2 tal-Università ta’ Malta. Il-kors li uffiċjalment iwassal għal dan l-eżami huwa l-Course in Basic Medical Maltese for the Healthcare Profession Part 1 u Part 2 immexxi mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta. Konsulenti li ma jkunux kisbu dan iċ-ċertifikat fiż-żmien ta’ prova jingħataw estensjoni ta’ darba biex jiksbu b’suċċess dan iċ-ċertifikat. Kwalunkwe ħlas relatat mal-kors jew assessjar tiegħu jridu jiġu mħallsa mill-kandidati prospettivi magħżula. Madankollu, tali spejjeż jistgħu jintalbu lura permezz tal-iskema Continuous Medical Education (CME).

Uffiċjali pubbliċi li japplikaw għal dan il-post iridu jkunu kkonfermati fil-ħatra attwali tagħhom, sakemm il-ħatra attwali ma tkunx fi klassi/linja ta’ karriera differenti jew f’pożizzjoni definita, iżda jistgħu japplikaw għal grad/pożizzjoni inqas anki jekk mhux ikkonfermati u irrispettivament jekk hux fl-istess linja ta’ karriera jew le.. Riverżjoni għal ħatra preċedenti mhux ikkonfermata mhijiex possibbli.

4.2 Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandhom wkoll:
  1. ikollhom isimihom imniżżel fir-Reġistru għall-Ispeċjalisti tal-Gastroenteroloġija kif ukoll f'dak tal-Mediċina Ġenerali / Interna miżmum mill-Kunsill Mediku ta’ Malta: jew

  2. ikunu approvati li isimhom jitniżżel fir-Reġistru għall-Ispeċjalisti tal-Gastroenteroloġija kif ukoll f'dak tal-Mediċina ~Ġenerali / Interna miżmum mill-Kunsill Mediku ta’ Malta;  jew

    1. ikollhom Ċertifikat ta’ Tlestija ta’ Taħriġ ta' Sġeċjalist (CCST) maħruġ mill-Kumitat għall-Akkreditazzjoni ta’ Speċjalisti ta’ Malta għall-professjoni rilevanti, li juri li l-applikant lesta tali taħriġ speċjalizzat li jista’ jintalab għal Gastroenteroloġija u l-Mediċina Interna; jew
    2. ikollhom kwalifika ta’ speċjalista ekwivalenti għas-CCST fil-Gastroenteroloġija u l-Mediċina Ġenerali / Interna, li tkun maħruġa mill-Awtorità kompetenti ta’ stat membru ieħor tal-Unjoni  Ewropea, kif indikat f’parti 1b tat-Tieni Skeda tal-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa ta’ Malta; jew
    3. ikollhom kwalunkwe kwalifika oħra ta’ speċjalista dment li ma’ din tinhemeż dikjarazzjoni formali ta’ rikonoxximent mill-Kumitat għall-Akkreditazzjoni ta’ Speċjalisti ta’ Malta, li tiddikjara li l-kwalifiki/esperjenza huma suffiċjenti sabiex tabib ikun irreġistrat mal-Kunsill Mediku ta’ Malta bħala Speċjalista fil-Gastroenteroloġija u l-Mediċina Ġenerali / Interna. 

4.3 Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandu aktar minn hekk ikollhom sentejn (2) esperjenza full-time bħala Speċjalista fil-Gastroenteroloġija u l-Mediċina Ġenerali / Interna.   Qed ikun hawnhekk ikkjarifikat li l-esperjenza bħala Speċjalista titqies li ma tibdiex qabel id-data tar-Reġistrazzjoni fir-Reġistru għall-Ispeċjalisti miżmum mill-Kunsill Mediku ta’ Malta, jew reġistrazzjoni ekwivalenti maħruġa mill-awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea.  Qed ikun ikkjarifikat ukoll li l-esperjenza mwettqa fuq bażi part-time jew fi kwalunkwe każ fuq bażi ta’ inqas minn erbgħin (40) siegħa fil-gimgħa, tkun rikonoxxuta fuq bażi prorata. 

4.4 Persuna magħżula li tkun eliġibbli taħt paragrafu 4.2 (iii) (b) u paragrafu 4.2 (iii) (c) hawn fuq trid tkun imniżżla fir-Reġistru għall-Ispeċjalisti miżmum mill-Kunsill Mediku ta’ Malta u trid tkun ukoll irreġistrata bis-sħiħ mal-Kunsill Mediku ta’ Malta qabel il-ħatra.

4.5 Kandidati li japplikaw skont it-termini ta’ paragrafu 4.2 (iii) (b) jew paragrafu 4.2 (iii) (c) hawn fuq iridu jiksbu ittra ta’ rikonoxximent mill-Kumitat għall-Akkreditazzjoni ta’ Speċjalisti ta’ Malta li tikkonferma li l-kwalifiki tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għaċ-Ċertifikat ta’ Tlestija ta’ Taħriġ ta' Speċjalist maħruġ mill-Kumitat għall-Akkreditazzjoni ta’ Speċjalisti ta’ Malta.  F’każ ta’ diffikultà għandu jintalab il-parir tal-Kumitat għall-Akkreditazzjoni ta’ Speċjalisti ta’ Malta.

Sabiex tiġi ffaċilitata r-referenza, is-sit elettroniku tal-Kumitat għall-Akkreditazzjoni ta’ Speċjalisti ta’ Malta jista’ jiġi kkonsultat minn (https://medicalcouncil.gov.mt/wp-content/uploads/2024/10/mcsac.pdf)

4.6 Kandidati li japplikaw skont it-termini ta’ paragrafu 4.2 (iii) (b) jew paragrafu 4.2 (iii) (c), u li jkunu meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjoni mill-Kumitat għall-Akkreditazzjoni ta’ Speċjalist kif mitlub fil-paragrafu 4.5 għandhom jinkludu kopja ta’ din id-dikjarazzjoni mal-applikazzjoni u jippreżentaw l-oriġinali waqt l-intervista.  Kandidati li mhumiex fil-pussess ta’ din id-dikjarazzjoni xorta jistgħu  japplikaw, basta jissottomettu kopja ta’ din id-dikjarazzjoni hekk kif tkun għad-dispożizzjoni tagħhom u fi kwalunkwe ċirkustanza mhux aktar tard mid-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.  Applikanti li ma jippreżentawx id-dikjarazzjoni meħtieġa fi żmien xahar għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom jistgħu jitolbu estenjoni ta’ dan il-limitu ta’ żmien b’xahar ieħor mill-Kap tad-Dipartiment fejn qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet, u jindikaw b’mod ċar ir-raġunijiet għad-dewmien.  Talbiet għal estensjonijiet lil hinn minn dan il-perjodu għandhom jiġu sottomessi għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

4.7 Uffiċjali Pubbliċi li għandhom grad fi klassi partikolari, u li ngħataw il-ħatra ta’ Officer in Scale permezz ta’ deċiżjoni tal-Grievances Unit fl-istess skala ta’ dak ta’ grad ogħla fl-istess klassi, huma eliġibbli li japplikaw għal gradi miftuħa għal uffiċjali li għandhom tali grad ogħla bl-istess skala ta’ dik tal-ħatra ta’ Officer in Scale.

Is-snin ta’ servizz mid-data ta’ meta daħlet fis-seħħ il-ħatra bħala Officer in Scale jgħoddu bħala parti mis-snin ta’ servizz mitluba fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Kwalunkwe kriterju ieħor ta’ eliġibbiltà għall-post irid jiġi sodisfatt skont din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.

4.8 Uffiċjali pubbliċi li bħalissa għandhom ħatra bħala Uffiċjal fil-Grad huma kkunsidrati fuq bażi personali li jappartjenu għall-Klassi/Stream tal-grad sostantiv immedjatament preċedenti tagħhom, u jistgħu japplikaw fuq il-bażi tal-iskala kurrenti tagħhom bħala Uffiċjal fil-Grad, li għandha tkun ekwivalenti għal, jew ogħla minn, dak li hu meħtieġ minn din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.         
 
Is-snin ta’ servizz mid-data effettiva tal-ħatra bħala uffiċjal fil-Grad huma kkalkulati għall-iskop li jissodisfaw is-snin meħtieġa ta’ ‘servizz fil-grad’ kif stipulat fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet. 
 
Kwalunke rekwiżit ieħor ta’ eliġibbiltà għall-post/pożizzjoni għandu jintlaħaq f’termini ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.        

4.9 Kwalifiki formali, ħiliet u esperjenza speċjalizzata fil-Gastroenteroloġija u l-Mediċina Interna jiġu evalwati abbażi tal-portfolio tal-esperjenza tax-xogħol tal-applikant. Evidenza formali ta’ taħriġ u kwalifiki elenkati fil-portfolio jridu jiġu ppreżentati mal-applikazzjoni. 

Ministry / Department :

 Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva / People Management 

Contact Persons :

 Maureen Mahoney, Direttur Ġenerali ( People Management)

Address :

 Palazzo Castellania, 15, Triq Merkanti, Valletta VLT1171 

Telephone :

 +356 22992609

Email address :

[email protected] 

  • Nota

  • F'każ ta' konflitt fl-interpretazzjoni ta' xi parti/jiet mis -sejħa għall-applikazzjonijiet, l-interpretazzjoni finali trid tkun dik tal-verżjoni Maltija tas-sejħa.