Dettalji tax-Xogħol

  • Avatar

    Manager I (EUCD)

     Nru. ta' Referenza Gazzetta tal-Gvern tal-21 ta' Awwissu 2026


    Pubbliku Ġenerali  

    Indefinita  

    Amministrattivi u Maniġerjali
    Data ppubblikata: 21/08/2026 11:00
    Data tal-għeluq: 04/09/2026 13:30
    Ministeru: Ministry for Foreign and European Affairs

Konnessjoni
Ara d-dokument English 
Ara d-dokument Malti 
Ara d-dokument Annex A-Manager I (EUCD) 
1. Id-Direttur għas-Servizzi Korporattivi, Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej jilqa’ applikazzjonijiet għall-post ta’ Manager I fid-Dipartiment tal-Ko-Ordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

2.1 Din il-ħatra hija suġġetta għal perjodu ta’ prova ta’ sena (1).

2.2 Waqt il-perjodu ta’ probation/prova, dawk appuntati jridu jkunu temmew b’suċċess kors ta’ induzzjoni offrut mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi sabiex ikunu eliġibbli għall-konferma tal-ħatra.

2.3 Is-salarju ta’ Manager I (EUCD) huwa ta’ Skala ta' Salarju 10, li fl-2026 huwa ta’ €27,055.98 fis-sena, li jiżdied b’€407.67 fis-sena sa massimu ta’ €29,502.

2.4 Persuna fil-grad ta’ Manager I fi Skala ta' Salarju 10 titla’ sa Skala ta’ Salarju 7 (€32,158 x €531.17 - €35,345.02 fis-sena 2026) wara tmien (8) snin servizz bħala Manager I fi Skala ta’ Salarju rispettiv, jekk tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti. 

2.5 Persuna fil-grad ta' Manager I (Skala ta’ Salarju 10) li jikseb degree ta’ Master's rikonoxxut fil-Livell 7 tal-MQF (suġġett għal minimu ta’ 90 krettu tal-ECTS, jew ekwivalenti*) f’oqsma rilevanti kif determinat mill-Management għandha titqiegħed fi Skala ta' Salarju 9 (€28,701.02 x €447.33 - €31,385 fl-2026) u tavvanza għal Skala ta’ Salarju 8 (€30,405.02 x €486.83 - €33,326 fis-sena 2026) wara sentejn (2) servizz sodisfaċenti bħala Manager I (Skala ta' Salarju 9).

*Kwalifika ta’ Master's rikonoxxuta b’minimu ta’ 60 krettu ECTS hija aċċettata biss bil-kundizzjoni li dikjarazzjoni formali ta’ rikonoxximent tal-Master's mill-MQRIC tiġi sottomessa mal-applikazzjoni (suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-klawsola 5.4 tad-dokument tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali). Kwalifika ta’ Master's rikonoxxuta mill-Università ta’ Malta (mogħtija qabel l-2009) b’inqas minn 60 krettu tal-ECTS hija aċċettabbli sakemm jiġi vverifikat mill-MQRIC li l-ammont ta’ xogħol huwa komparabbli ma’ mill-inqas 60 krettu tal-ECTS.

2.6 Persuna fil-grad ta' Manager I (Skala ta’ Salarju 8) ikompli javvanza għal Skala ta’ Salarju 7 (€32,158 x €531.17 - €35,345.02 fis-sena 2026) wara sentejn (2) servizz sodisfaċenti bħala Manager I (Skala ta’ Salarju 8).

2.7 Il-persuni maħtura jkunu ntitolati wkoll għal ħlas annwali marbut mal-prestazzjoni sa massimu ta’ 10% tas-salarju bażiku tagħhom, marbut ma’ xogħol sodisfaċenti, ħlas ta' allowance tal-klassi annwali ta €750, suġġett għall-politiki tal-amministrazzjoni ċentrali li jkunu fis-seħħ minn żmien għal żmien. 

2.8 Il-persuni maħtura jkunu ntitolati wkoll għall-benefiċċji oħrajn marbuta ma' din il-kariga u mat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom fi ħdan id-Dipartiment tal-Ko-Ordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

2.9 Mhux se jkun possibbli li jintalab trasferiment qabel perjodu ta’ sentejn (2) mill-ħatra. Hekk kif jiskadi l-imsemmi perjodu ta’ sentejn (2), dawk appuntati jistgħu jiġu biss trasferiti fuq talba tagħhom sabiex jaqdu dmirijiet xi mkien ieħor fil-qasam tar-Riċerka, skont il-postijiet vakanti stabbiliti.

2.10 Ir-riżultat ikun validu għal sentejn (2) mid-data tal-pubblikazzjoni.

2.11 Il-kandidati magħżula għandhom ikunu ta’ kondotta xierqa għall-post li għalih saret l-applikazzjoni. Dawk li japplikaw minn barra s-Servizz Pubbliku għandhom jipproduċu Ċertifikat tal-Kondotta maħruġ mill-Uffiċċju tar-Rekords Kriminali jew awtorità kompetenti oħra mhux aktar minn sitt (6) xhur qabel id-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, li għandu jiġi sottomess mill-persuna magħżula fi żmien ġimgħa (1) mid-data tan-notifika tal-ħatra.

2.12 Fir-rigward tar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttiva 16, dwar il-‘Qafas Governattiv għall-Prevenzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kunflitti ta’ Interess fl-Amministrazzjoni Pubblika’, maħruġ mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fis-27 ta’ Novembru 2023 u li daħal fi-seħħ fl-1 ta’ Frar 2024, il-Bord tal-Għażla se jivvaluta l-impjiegi preċedenti tal-kandidati biex jevalwa l-kunflitti ta’ interess potenzjali. F’dan ir-rigward, il-kandidati għandhom jipprovdu CV kompletament aġġornat, inkluż il-kwalifiki u l-istorja tal-impjieg mal-applikazzjoni tagħhom. Kwalunkwe kwistjoni ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali nnutata għandha tiġi rrappurtata lis-Segretarju Permanenti rispettiv biex jiġi żgurat li, jekk il-kandidat jiġi reklutat, tali kunflitti ta’ interess ikunu mmaniġġjati b’mod xieraq;

a. Barra minn hekk, il-kandidati magħżula għandhom jirrappurtaw kwalunke kunflitt ta’ interess magħruf, attwali, potenzjali jew apparenti qabel ma jaċċettaw ħatra, permezz tad-Dikjarazzjoni preskritta disponibbli fl-Appendiċi 1 tad-Direttiva 16 (disponibbli hawn).  

Dmirijiet

3. Id-dmirijiet għal dan il-post ta’ Manager I (EUCD) jinsabu fl-Anness A mehmuż ma’ din iċ-Ċirkolari. 

Eliġibbiltà

4.1 Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandhom:

i. ikunu ċittadini ta’ Malta;

ii. ikunu profiċjenti fil-Malti u fl-Ingliż;

U

iii. jkollhom degree ta’ Baċellerat rikonoxxuta f’Livell 6 tal-MQF (suġġetta għal minimu ta’ 180 krettu tal-ECTS jew ekwivalenti*) fl-Istatistika, jew fl-Ekonomija, jew fl-Istudji Ewropej, jew fis-Soċjoloġija, jew fil-Liġi, jew fil-Public Policy, jew fir-Relazzjonijiet Internazzjonali, jew fl-Istudji Diplomatiċi, jew fl-Istudji Mediterranji, jew f'oqsma rilevanti kif determinat mill-maniġment.

*Kwalifika ta’ Baċellerat komparabbli rikonoxxuta, kif applikabbli, hija aċċettata biss suġġett għal dikjarazzjoni formali ta' rikonoxximent mill-MQRIC li tiġi sottomessa mal-applikazzjoni (suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-klawsola 5.4 tad-dokument tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali). Kwalifika ta’ Baċellerat rikonoxxuta mill-Università ta’ Malta (mogħtija qabel l-2009) b’inqas minn 180 krettu tal-ECTS hija aċċettabbli sakemm jiġi vverifikat mill-MQRIC jew l-Università ta’ Malta li l-ammont ta’ xogħol huwa komparabbli mal-minimu ta’ 180 krettu tal-ECTS.

Uffiċjali Pubbliċi li japplikaw għal dan il-post iridu jkunu kkonfermati fil-ħatra attwali tagħhom, sakemm il-ħatra attwali ma tkunx fi klassi/linja ta’ karriera differenti jew f’pożizzjoni definita, iżda jistgħu japplikaw għal grad/pożizzjoni inqas anki jekk mhux ikkonfermati u irrispettivament jekk hux fl-istess linja ta’ karriera jew le. Riverżjoni għal ħatra preċedenti mhux ikkonfermata mhijiex possibbli.

4.2 (i) Barra minn hekk, kandidati li għadhom ma kisbux formalment l-ebda waħda mill-kwalifiki msemmija hawn fuq xorta jiġu kkunsidrati. Dawn il-kandidati għandhom jissottomettu evidenza li ġew approvati għall-għoti tal-kwalifika inkwistjoni. 

(ii) Aktar minn hekk, kandidati li bħalissa qed isegwu programm ta’ studju rikonoxxut f’livell tal-MQF ogħla minn dak mitlub hawn fuq jiġu kkunsidrati wkoll. Dawn il-kandidati għandhom jissottomettu evidenza li temmew b’suċċess il-kretti meħtieġa tal-ECTS, jew ekwivalenti, u laħqu l-livell tal-MQF meħtieġ, sal-ħin u d-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet. L-applikanti prospettivi għandhom jinnotaw ir-rekwiżit li jipproduċu dikjarazzjonijiet ta’ rikonoxximent tal-MQRIC fir-rigward tal-kwalifiki tagħhom mill-MQRIC, jew awtorità pertinenti oħra, kif applikabbli, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għal din is-sejħa għall-applikazzjonijiet (ara l-ħolqa aktar l’isfel).

4.3 Kandidati li għadhom ma kisbux formalment jew għadhom mhux approvati għall-kwalifika rikjesta hekk kif speċifikata fil-paragrafu 4.1(iii) jew kif indikat f’paragrafu 3.1 tad-dispożizzjonijiet ġenerali https://publicservices.gov.mt/en/people/Documents/Recruitment_GenProvs/General%20Provisions_MT.pdf, xorta jiġu kkunsidrati, basta jibagħtu evidenza li jinsabu fl-aħħar fażi tal-kors li jwassal għall-għoti tat-tali kwalifika. Il-persuni maħtura jridu jġibu, jew ġew approvati, għat-tali kwalifika fi żmien sena mid-data tal-ħatra tagħhom​. Jekk l-iskadenza għall-kisba tal-imsemmija kwalifka ma tintlaħaqx, il-ħatra, għal din ir-raġuni, tiġi awtomatikament terminata.

Ministry / Department :

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej

Contact Persons :

Ann Marie Mifsud

Address :

331, Allied House, Triq San Pawl, Valletta

Telephone :

(+356) 2204 3030

Email address :

[email protected]

  • Nota

  • F'każ ta' konflitt fl-interpretazzjoni ta' xi parti/jiet mis -sejħa għall-applikazzjonijiet, l-interpretazzjoni finali trid tkun dik tal-verżjoni Maltija tas-sejħa.