Dettalji tax-Xogħol
| Konnessjoni | |
|---|---|
| Ara d-dokument | Malti |
| Ara d-dokument | English |
| Ara d-dokument | Annex A |
| Ara d-dokument | Annex B |
Deskrizzjoni qasira tal-post
1. Il-Kummissarju tal-Pulizija, Ministeru għall-Intern, is-Sigurta’ Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, jilqa’ applikazzjonijiet ghall-post ta’ Kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta’ Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.
Salarju
2.1 Din il-ħatra hija suġġetta għal perjodu ta’ prova ta’ sentejn.
2.2 Is-salarju ta’ Kuntistabbli huwa ta’ Skala ta' Salarju 14, li fl-2021 huwa ta’ €16,361 fis-sena, li jiżdied bi €316.83 fis-sena sa massimu ta’ €18,262.
2.3 Persuna fil-grad ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija titla’ fi Skala 13 (li fl-2021 huwa ta’ €17,522 x €335.50 - €19,535) wara sentejn (2) fis-servizz fil-grad, jekk tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti.
2.4 Persuna fil-grad ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija titla’ fi Skala 12 (li fl-2021 huwa ta’ €18,724 x €354 - €20,848) wara sitt (6) snin fis-servizz fi Skala 13, jekk tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti.
2.5 Persuna fil-grad ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija tavvanza għal Kuntistabbli Anzjan tal-Pulizija fi Skala 11 (li fl-2021 hija ta’ €19,974 x €375.17 - €22,225) wara erba’ (4) snin fis-servizz fil-grad ta' Kuntistabbli tal-Pulizija fi Skala 12, jekk tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti.
2.6 Minħabba n-natura tax-xogħol, il-post ta’ Kuntistabbli tal-Pulizija tattira wkoll allowances kif speċifikat fil-ftehim settorjali tal-Korp tal-Pulizija intitolat, ‘Sectoral Agreement Regulating the Conditions of Service for the Police Force, 2018’.
2.7 Matul iż-żmien li l-kandidati jkunu jattendu l-kors fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, jitħallsu l-paga bażika ta’ Skala 18 (li hija ta’ €12,358) sakemm jieħdu l-ġurament tal-ħatra bħala Kuntistabbli tal-Pulizija bi Prova.
Dmirijiet
3. Id-dmirijiet ta' persuna fil-grad ta' Kuntistabbli tal-Pulizija jinsabu mehmuża ma' din iċ-ċirkulari bħala Anness (A).
Eliġibbiltà
4.1 L-applikanti għandhom ikunu:
(i) ċittadini ta’ Malta;
(ii) ikunu kapaċi jikkomunikaw bil-lingwa Maltija u Ingliża;
(iii) fil-pussess ta’ pass ( mill-inqas fi Grad 5 jew C jew f’livell kumparabbli) f’livell MQF 3 f’erba’ (4) suġġetti li jkunu jridu jinkludu l-Malti u l-Lingwa Ingliża;
jew
fil-pussess ta’ kwalifika f’livell VET 3 jew Secondary School Certificate and Profiling Qualification f’livell MQF 3 fil-Malti, Ingliż u f’żewġ suġġetti oħra bħala units ta’ studju separati fil-kors li jkunu segwew;
Applikanti li jkollhom fil-pussess tagħhom MCAST Diploma f’MQF livell 3, jew MCAST-BTEC First Diploma jew MCAST-BTEC Diploma jew Ċertificat tas-City and Guilds f’Livell 2 jiġu kkunsidrati wkoll sakemm is-suġġett ikun relatat mal-Pulizija;
(iv) ikunu għalqu t-tmintax (18)-il sena sa l-aħħar ta' Settembru 2021;
(v) ma jkunux għalqu id-disgħa u tletin (39) sena sad-data tal-għeluq ta' din l-applikazzjoni;
(vi) ikunu medikament b’saħħithom f’kull rispett, kemm fiżikament kif ukoll mentalment, skont l-istandard mediku ta’ saħħa fil-Korp biex ikunu jistgħu jaqdu d-doveri kollha ta’ Pulizija;
(vii) applikazzjonijiet minn kandidati li jkollhom fuq il-persuna tagħhom tatwaġġi u/jew body piercing u/jew modifikazzjonijiet oħrajn jiġu kkunsidrati skont il-każ suġġett li tali tatwaġġi/body piercing ikunu koperti meta jintlibes flokk/t-shirt tal-uniformi, u suġġetti li il-kontenut tal-istess tatwaġġi m'humiex offensivi, razzjali, eċċ.
4.2 Kwalifiki li huma ta’ livell ogħla minn dak rikjest hawn fuq jiġu aċċettati għall-fini ta’ eliġibbilita’, sakemm dawn ikunu fis-suġġetti mitluba.
Barra minn hekk, dawk il-kandidati li ma jkunux għadhom ġabu r-rekwiżiti speċifikati f’paragrafu 4.1(iii) formalment, xorta jiġu kkunsidrati, basta jipprovdu evidenza li ġew approvati għall-għoti ta’ tali rekwżiti sal-aħħar ta' Awwissu 2021.
4.3 Uffiċjali Pubbliċi li għandhom grad fi klassi partikolari, u li ngħataw il-ħatra ta’ Officer in Scale permezz ta’ deċiżjoni tal-Grievances Unit fl-istess skala ta’ dak ta’ grad ogħla fl-istess klassi, huma eliġibbli li japplikaw għal gradi miftuħa għal uffiċjali li għandhom tali grad ogħla bl-istess skala ta’ dik tal-ħatra ta’ Officer in Scale.
Is-snin ta’ servizz mid-data ta’ meta ġiet effettiva l-ħatra bħala Officer in Scale jgħoddu bħala parti mis-snin ta’ servizz mitluba fis-sejħa t’applikazzjonijiet.
Kwalunkwe kriterju ieħor t’eliġibbilta’ għall-post irid jiġi sodisfatt skont din is-sejħa t’applikazzjonijiet.
4.4 L-applikanti jridu jkunu ta’ kondotta (karattru morali tajjeb) li hi xierqa għall-post li l-persuna qed tapplika għaliha. Fil-każ ta' applikanti li diġa’ qegħdin fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta, il-GP 47 għandu jintalab mill-HR Unit tal-ministeru/dipartiment li joħroġ is-sejħa għall-applikazzjonijiet mingħand id-Direttur responsabbli għall-HR fejn l-applikanti jkunu qed iservu, filwaqt li dawk li japplikaw minn barra jridu s-Servizz Pubbliku għandhom jipproduċu Ċertifikat tal-Kondotta maħruġ mill-Pulizija jew awtorita’ kompetenti oħra mhux aktar minn xahar (1) qabel id-data tal-applikazzjoni, u jiddikjaraw jekk qatt kinux fis-Servizz tal-Gvern u jagħtu d-dettalji.
4.5 Barra minn hekk, kandidati li huma parzjalment eliġibbli jintalbu jattendu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana, biex jitkejlu, u jimlew formoli ta' kunsens u dikjarazzjoni. Matuil il-proċess kollu sal-istadju tal-ħatra, jsir screening adekwat fuq kull kandidat. Jekk jirriżulta li jew id-dikjarazzjoni sottomessa tkun falza jew l-applikant jonqos milli jissodisfa l-livell ta' kondotta meħtiega, il-kandidat jigi skwalifikat u jkun eskluż milli jipproċedi fil-proċess tal- għażla."
4.6 Il-kandidati magħżula jridu jkunu eliġibbli għall-ħatra f’dan il-grad, skont 4.1 - 4.5 hawn fuq, mhux biss sal-ħin u d-data tal-għeluq ta' din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, iżda wkoll fid-data tal-ħatra.
4.7 L-applikanti prospettivi għandhom jaraw il-proviżżjonijiet ġenerali marbuta ma’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet fejn jikkonċerna s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki mingħand l-MQRIC, jew awtorita’ pertinenti oħra, kif applikabbli (ara l-link aktar ‘l isfel).
Dettalji tal-Ministeru / Dipartiment
| Ministry/Department: | Ministry for Home Affairs, National Security and Law Enforcement |
| Contact Person: | Commissioner of Police, Attn: Human Resources Management |
| Address: | Police General Headquarters, Pjazza San Kalċidonju, Furjana, FRN 1530 |
| Telephone: | 21224001 |
| Email address: | [email protected] |
Nota
- F'każ ta' konflitt fl-interpretazzjoni ta' xi parti/jiet mis -sejħa għall-applikazzjonijiet, l-interpretazzjoni finali trid tkun dik tal-verżjoni Maltija tas-sejħa.