Dettalji tax-Xogħol
| Konnessjoni | |
|---|---|
| Ara d-dokument | English |
| Ara d-dokument | Malti |
| Ara d-dokument | Annex A |
Deskrizzjoni qasira tal-post
1. Is-Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Intern, is-Sigurta' u x-Xogħol tilqa’ applikazzjonijiet għall-post ta’ First Contact Operator fi ħdan il-Control Rooms tal-Emergenza, fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta' u x-Xogħol u fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanita' Attiva.
Salarju
2.1 Din il-ħatra hija suġġetta għal perjodu ta’ probation/prova ta’ sitt (6) xhur.
2.2 Is-salarju ta’ First Contact Operator huwa ta’ Skala ta' Salarju 15, li fis-sena 2025 huwa ta’ €18,188 fis-sena, li jiżdied b’€298 fis-sena sa massimu ta’ €19,976.
2.3 Persuna fil-grad ta’ First Contact Operator titla’ fi Skala ta' Salarju 14 (€19,591.02 x €316.83 - €21,492) wara erbgħa (4) snin servizz sodisfaċenti fil-grad ta' First Contact Operator (Skala ta' Salarju 15).
2.4 Mal-ħatra, il-First Contract Operators ikunu intitolati għal allowance annwali ta’ €550. Din l-allowance ma tibqax tiġi imħallsa b’ effett immedjat f' ċirkostanzi fejn l-impjegati ma jibqgħux jaqdu dmirijiet ta’ First Contract Operators.
2.5 Barra minn hekk, il-First Contact Operators għandhom jaħdmu fuq skeda tax-xogħol bix-shift kif determinat mill-maniġment. L-impjegati jkunu intitolati għal-shift allowances rispettivi kif applikabbli permezz tal-Public Service Management Code - Manual of Allowances, kif applikabbli minn żmien għal żmien.
2.6 First Contact Operators jitpoġġew fil-Control Room tal-Pulizija jew fil-Control Room tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jew fid-Dipartiment tal-Aċċidenti u l-Emerġenza. Kull dipartiment ikollu s-sett ta' regoli tiegħu li l-First Contact Operators iridu jaderixxu magħhom, skont fejn ikunu allokati.
2.7 Għall-konferma tal-ħatra tagħhom, dawk maħtura jridu jkunu temmew iż-żmien ta’ prova tagħhom u jridu jkunu temmew b’suċċess il-kors ta’ induzzjoni kif ukoll jiksbu u jżommu l-liċenzjar meħtieġ tas-sistema tal-ProQA.
2.8 Il-kandidati magħżula għandhom ikunu ta’ kondotta xierqa għall-post/pożizzjoni li għalih saret l-applikazzjoni. Dawk li japplikaw minn barra s-Servizz Pubbliku għandom jipproduċu Ċertifikat tal-Kondotta maħruġ mill-Uffiċċju tar-Rekords Kriminali jew awtorità kompetenti oħra mhux aktar minn sitt (6) xhur qabel id-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, li għandu jiġi sottomess mill-persuna magħżula fi żmien ġimgħa (1) mid-data tan-notifika tal-ħatra.
2.9 Fir-rigward tar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttiva 16, dwar il-‘Qafas Governattiv għall-Prevenzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kunflitti ta’ Interess fl-Amministrazzjoni Pubblika’, maħruġ mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fis-27 ta’ Novembru 2023 u li daħal fi-seħħ fl-1 ta’ Frar 2024, il-Bord tal-Għażla se jivvaluta l-impjiegi preċedenti tal-kandidati biex jevalwa l-kunflitti ta’ interess potenzjali. F’dan ir-rigward, il-kandidati għandhom jipprovdu CV kompletament aġġornat, inkluż il-kwalifiki u l-istorja tal-impjieg mal-applikazzjoni tagħhom. Kwalunkwe kwistjoni ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali nnutata għandha tiġi rrappurtata lis-Segretarju Permanenti rispettiv biex jiġi żgurat li, jekk il-kandidat jiġi reklutat, tali kunflitti ta’ interess ikunu mmaniġġjati b’mod xieraq.
Barra minn hekk, il-kandidati magħżula għandhom jirrappurtaw kwalunke kunflitt ta’ interess magħruf, attwali, potenzjali jew apparenti qabel ma jaċċettaw ħatra, permezz tad-Dikjarazzjoni preskritta disponibbli fl-Appendiċi 1 tad-Direttiva 16 (disponibbli hawn).
Dmirijiet
3. Id-dmirijiet għal dan il-post ta’ First Contact Operator jinsabu fl-Anness A mehmuż ma’ din iċ-Ċirkolari.
Eliġibbiltà
4.1 Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandhom ikunu
- ċittadini ta’ Malta; jew
- ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew
- ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg minħabba li jkunu japplikaw għal dak il-pajjiż leġislazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqlieq ħieles tal-ħaddiema; jew
- kwalunkwe persuni oħra li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg permezz tar-relazzjoni familjari tagħhom ma' persuni msemmija f’(a), (b) jew (c), skont kif hemm fil-liġi jew fil-leġislazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati msemmija hawn fuq; jew
- ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw status ta' residenti li joqogħdu għal żmien twil f’Malta taħt ir-regolament 4 tar-Regolamenti tal-2006 dwar “Status ta’ Residenti li joqogħdu għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi)”, jew li jkunu ngħataw permess ta' residenza taħt ir-regolament 18(3) tal-istess regolamenti, flimkien mal-membri tal-familja ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-Regolamenti tal-2007 dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji; jew
- Fil-pussess ta’ dokument tar-residenza maħruġ skont id-dokument ‘Status ta’ Residenza ta’ Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja tagħhom f’Malta skont il-Ftehim dwar l-Irtirar tar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u r-Regolamenti tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.’
Għandu jintalab il-parir tat-Taqsima taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Komunita` Malta u tat-Taqsima tal-Espatrijati fi ħdan Identita` skont il-ħtieġa fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.
Il-ħatra ta’ kandidati msemmija f’(b), (c), (d) u (e) hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja tax-xogħol f’dawk il-każijiet fejn hija meħtieġa skont l-Att dwar l-Immigrazzjoni u leġiżlazzjoni sussidjarja. Jobsplus għandha tiġi kkonsultata skont il-ħtieġa dwar din il-materja.
- kapaċi jikkomunikaw bil-lingwa Maltija u dik Ingliża sabiex jitwettqu b’mod suffiċjenti u adegwat d-dmirijiet li għalihom saret l-applikazzjoni;
- fil-pussess ta' kwalifika li turi li għaddew (mill-inqas fi Gradi 1 - 5), Grad C jew livell komparabbli fil-livell 3 tal-MQF (minimu 60 ECTS) jew ogħla fi tliet (3) suġġetti.
Uffiċjali pubbliċi li japplikaw għal dan il-post iridu jkunu kkonfermati fil-ħatra attwali tagħhom, sakemm il-ħatra attwali ma tkunx fi klassi/linja ta’ karriera differenti jew f’pożizzjoni definita, iżda jistgħu japplikaw għal grad/pożizzjoni inqas anki jekk mhux ikkonfermati u irrispettivament jekk hux fl-istess linja ta’ karriera jew le. Riverżjoni għal ħatra preċedenti mhux ikkonfermata mhijiex possibbli.
4.2 i. Aktar minn hekk, kandidati li għadhom ma kisbux formalment jew għadhom mhux approvati għall-kwalifika rikjesta hekk kif speċifikata fil-paragrafu 4.1 (iii) jew kif indikat f’paragrafu 3.1 tad-dispożizzjonijiet ġenerali https://publicservices.gov.mt/en/people/Documents/Recruitment_GenProvs/General%20Provisions_MT.pdf xorta jiġu kkunsidrati, basta jibagħtu evidenza li jinsabu fl-aħħar fażi tal-kors li jwassal għall-għoti tat-tali kwalifika. Il-persuni maħtura jridu jġibu, jew ġew approvati, għat-tali kwalifika fi żmien sena mid-data tal-ħatra tagħhom. Jekk l-iskadenza għall-kisba tal-imsemmija kwalifika ma tintlaħaqx, il-ħatra, għal din ir-raġuni, tiġi awtomatikament terminata.
ii. Kandidati li bħalissa qed isegwu programm ta’ studju rikonoxxut f’livell tal-MQF ogħla minn dak mitlub hawn fuq jiġu kkunsidrati wkoll. Dawn il-kandidati għandhom jissottomettu evidenza li temmew b’suċċess il-kretti meħtieġa tal-ECTS/ECVET, jew ekwivalenti, u laħqu l-livell tal-MQF meħtieġ, sal-ħin u d-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet. L-applikanti prospettivi għandhom jinnotaw ir-rekwiżit li jipproduċu dikjarazzjonijiet ta’ rikonoxximent tal-MQRIC fir-rigward tal-kwalifiki tagħhom mill-MQRIC, jew awtorita’ pertinenti oħra, kif applikabbli, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għal din is-sejħa għall-applikazzjonijiet (ara l-ħolqa aktar l’isfel).
4.3 Kandidati li mhumiex fil-pussess ta’ IT Office Application Office Skills huma obbligati li jagħmlu kors intern wara l-ħatra.
4.4 Il-kandidati magħżula jiġu skjerati skont l-esiġenzi tas-servizz u huma jkunu obbligati li jagħmlu t-taħriġ rispettiv kif jista’ jiġi determinat mill-Management rispettiv minn żmien għal żmien. Is-skjerament ta’ uffiċjali huwa suġġett li lkandidati jkollhom iċ-ċertifikati meħtieġa biex jaqdu dmirijiethom b’ mod effettiv. L-impjegati huma obbligati wkoll li jagħmlu korsijiet ta’ taħriġ minn żmien għal żmien kif determinat mill-management sabiex jiġi żgurat li jinżammu aġġornati ma’ kull żvilupp u/jew ħiliet meħtieġa
4.5. Uffiċjali Pubbliċi li għandhom grad fi klassi partikolari, u li ngħataw il-ħatra ta’ Officer in Scale permezz ta’ deċiżjoni tal-Grievances Unit fl-istess skala ta’ dak ta’ grad ogħla fl-istess klassi, huma eliġibbli li japplikaw għal gradi miftuħa għal uffiċjali li għandhom tali grad ogħla bl-istess skala ta’ dik tal-ħatra ta’ Officer in Scale.
Is-snin ta’ servizz mid-data ta’ meta ġiet effettiva l-ħatra bħala Officer in Scale jgħoddu bħala parti mis-snin ta’ servizz mitluba fis-sejħa t’applikazzjonijiet.
Kwalunkwe kriterju ieħor t’eliġibbilta’ għall-post irid jiġi sodisfatt skont din is-sejħa t’applikazzjonijiet.
4.6 Uffiċjali pubbliċi li bħalissa għandhom ħatra bħala Uffiċjal fil-Grad huma kkunsidrati fuq bażi personali li jappartjenu għall-Klassi/Stream tal-grad sostantiv immedjatament preċedenti tagħhom, u jistgħu japplikaw fuq il-bażi tal-iskala kurrenti tagħhom bħala Uffiċjal fil-Grad, li għandha tkun ekwivalenti għal, jew ogħla minn, il-livell ta’ eliġibbilta’ meħtieġ minn din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Is-snin ta’ servizz mid-data effettiva tal-ħatra bħala uffiċjal fil-Grad huma kkalkulati għall-iskop li jissodisfaw is-snin meħtieġa ta’ ‘servizz fil-grad’ kif stipulat fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet.
Kwalunke rekwiżit ieħor ta’ eliġibbiltà għall-post/pożizzjoni għandu jintlaħaq f’termini ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Dettalji tal-Ministeru / Dipartiment
Ministry / Department : | Ministeru għall-Intern, is-Sigurta' u x-Xogħol |
Contact Persons : | William Mazzacano D'Amato |
Address : | 201, Triq id-Dejqa, Valletta |
Telephone : | 2568 9000 |
Email address : | [email protected] |
Nota
- F'każ ta' konflitt fl-interpretazzjoni ta' xi parti/jiet mis -sejħa għall-applikazzjonijiet, l-interpretazzjoni finali trid tkun dik tal-verżjoni Maltija tas-sejħa.