Dettalji tax-Xogħol
| Konnessjoni | |
|---|---|
| Ara d-dokument | Malti |
| Ara d-dokument | English |
| Ara d-dokument | Annex A |
Deskrizzjoni qasira tal-post
1. Is-Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Finanzi jilqa’ applikazzjonijiet għall-post ta’ Economics Officer fil-Ministeru għall-Finanzi.
Salarju
2.1 Din il-ħatra hija suġġetta għal perjodu ta’ probation/prova ta’ tnax (12)-il xahar.
2.2 Is-salarju ta’ Economics Officer huwa ta’ Skala ta' Salarju 10, li fis-sena 2026 huwa ta’ €27,055.98 fis-sena, li jiżdied b’€407.67 fis-sena sa massimu ta’ €29,502.
2.3 Persuna fil-grad ta’ Economics Officer titla’ fi Skala ta' Salarju 9 (€28,701.02 x €447.33 - €31,385) fis-sena 2026 wara sentejn (2) servizz fil-grad ta' Economics Officer fi Skala ta' Salarju 10, jekk tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti.
2.5 Persuna fil-grad ta’ Economics Officer titla’ fi Skala ta' Salarju 7 (€32,158 x €531.17 - €35,345.02) fis-sena 2026 wara sentejn (2) servizz fil-grad ta' Economics Officer fi Skala ta' Salarju 8, jekk tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti.
2.6 Il-persuni maħtura jkunu wkol intitolati għal ħlas annwali marbut mal-prestazzjoni sa massimu ta’ 10% tas-salarju bażiku tagħhom, marbut ma’ xogħol sodisfaċenti, u ħlas ta' alowance tal-klassi annwali ta €1,000, suġġett għall-politiki tal-amministrazzjoni ċentrali li jkunu fis-seħħ minn żmien għal żmien.
a. Il-kandidati maħtura jkunu ntitolati għal benefiċċji oħra u suġġetti għall-kundizzjonijiet u l-obbligi skont kif determinat mill-amministrazzjoni ċentrali minn żmien għal żmien. Rimborż sa massimu ta' €1,165 fis-sena b'rabta ma Żvilupp Professjonali Kontinwu, li huma inklużi fil-pakkett tas-salarju.
2.7 Il-kandidati magħżula għandhom ikunu ta’ kondotta xierqa għall-post li għalih saret l-applikazzjoni. Dawk li japplikaw minn barra s-Servizz Pubbliku għandom jipproduċu Ċertifikat tal-Kondotta maħruġ mill-Uffiċċju tar-Rekords Kriminali jew awtorità kompetenti oħra mhux aktar minn sitt (6) xhur qabel id-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, li għandu jiġi sottomess mill-persuna magħżula fi żmien ġimgħa (1) mid-data tan-notifika tal-ħatra.
2.8 Fir-rigward tar-rekwiżiti li joħorġu mid-Direttiva 16, dwar il-‘Qafas Governattiv għall-Prevenzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kunflitti ta’ Interess fl-Amministrazzjoni Pubblika’, maħruġ mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fis-27 ta’ Novembru 2023 u li daħal fi-seħħ fl-1 ta’ Frar 2024, il-Bord tal-Għażla se jivvaluta l-impjiegi preċedenti tal-kandidati biex jevalwa l-kunflitti ta’ interess potenzjali. F’dan ir-rigward, il-kandidati għandhom jipprovdu CV kompletament aġġornat, inkluż il-kwalifiki u l-istorja tal-impjieg mal-applikazzjoni tagħhom. Kwalunkwe kwistjoni ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali nnutata għandha tiġi rrappurtata lis-Segretarju Permanenti rispettiv biex jiġi żgurat li, jekk il-kandidat jiġi reklutat, tali kunflitti ta’ interess ikunu mmaniġġjati b’mod xieraq.
Barra minn hekk, il-kandidati magħżula għandhom jirrappurtaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess magħruf, attwali, potenzjali jew apparenti qabel ma jaċċettaw ħatra, permezz tad-Dikjarazzjoni preskritta disponibbli fl-Appendiċi 1 tad-Direttiva 16 (disponibbli hawn).
Dmirijiet
3. Id-dmirijiet għal dan il-post ta’ Economics Officer jinsabu fl-Anness A mehmuż ma’ din iċ-Ċirkolari.
Eliġibbiltà
4.1 Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandhom ikunu
- ċittadini ta’ Malta; jew
- ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew
- ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg minħabba li jkunu japplikaw għal dak il-pajjiż leġislazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati dwar iċ-ċaqlieq ħieles tal-ħaddiema; jew
- kwalunkwe persuni oħra li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg permezz tar-relazzjoni familjari tagħhom ma' persuni msemmija f’(a), (b) jew (c), skont kif hemm fil-liġi jew fil-leġislazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet ta’ trattati msemmija hawn fuq; jew
- ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw status ta' residenti li joqogħdu għal żmien twil f’Malta taħt ir-regolament 4 tar-Regolamenti tal-2006 dwar “Status ta’ Residenti li joqogħdu għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi)”, jew li jkunu ngħataw permess ta' residenza taħt ir-regolament 18(3) tal-istess regolamenti, flimkien mal-membri tal-familja ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-Regolamenti tal-2007 dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji; jew
- Fil-pussess ta’ dokument tar-residenza maħruġ skont id-dokument ‘Status ta’ Residenza ta’ Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja tagħhom f’Malta skont il-Ftehim dwar l-Irtirar tar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u r-Regolamenti tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.’
Għandu jintalab il-parir tat-Taqsima taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Komunita` Malta u tat-Taqsima tal-Espatrijati fi ħdan Identita` skont il-ħtieġa fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.
Il-ħatra ta’ kandidati msemmija f’(b), (c), (d) u (e) hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja tax-xogħol f’dawk il-każijiet fejn hija meħtieġa skont l-Att dwar l-Immigrazzjoni u leġiżlazzjoni sussidjarja. Jobsplus għandha tiġi kkonsultata skont il-ħtieġa dwar din il-materja.
Barra minn hekk, l-applikanti għandhom ikunu:
ii. kapaċi jikkomunikaw bil-lingwa Maltija u Ingliża sabiex jitwettqu b’mod suffiċjenti u adegwat d-dmirijiet li għalihom saret l-applikazzjoni;
U
iii. fil-pussess ta' degree ta' Baċellerat rikonoxxuta fil-livell ta' MQF 6 (suġġett għal minimu ta' 180 ECTS kretti jew ekwivalenti)*, fl-Ekonomija jew detenturi ta' degrees rikonoxxuti oħra bl-Ekonomija bħala qasam ewlieni ta' studju.
*Kwalifika ta’ Baċellerat komparabbli rikonoxxuta, kif applikabbli, hija aċċetta biss suġġett għal dikjarazzjoni formali ta' rikonoxximent mill-MQRIC li tiġi sottomessa mal-applikazzjoni (suġġett għaddispożizzjonijiet tal-klawsola 5.4 tad-dokument tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali). Kwalifika ta’ Baċellerat rikonoxxuta mill-Universita’ ta’ Malta (mogħtija qabel l-2009) b’inqas minn 180 kretti ECTS hija aċċettabbli sakemm jiġi vverifikat mill-MQRIC jew l-Universita’ ta’ Malta li l-ammont ta’ xogħol huwa komparabbli mal-minimu ta’ 180 kretti ECTS.
Uffiċjali pubbliċi li japplikaw għal dan il-post iridu jkunu kkonfermati fil-ħatra attwali tagħhom, sakemm il-ħatra attwali ma tkunx fi klassi/linja ta’ karriera differenti jew f’pożizzjoni definita, iżda jistgħu japplikaw għal grad/pożizzjoni inqas anki jekk mhux ikkonfermati u irrispettivament jekk hux fl-istess linja ta’ karriera jew le. Riverżjoni għal ħatra preċedenti mhux ikkonfermata mhijiex possibbli.
4.2 i. Aktar minn hekk, kandidati li għadhom ma kisbux formalment jew għadhom mhux approvati għall-kwalifika rikjesta hekk kif speċifikata fil-paragrafu 4.1 iii jew kif indikat f’paragrafu 3.1 tad-dispożizzjonijiet ġenerali https://peopleandstandards.gov.mt/media/PDFs/Resourcing/GenProvs/GeneralProvisions_MT.pdf xorta jiġu kkunsidrati, basta jibagħtu evidenza li jinsabu fl-aħħar fażi tal-kors li jwassal għall-għoti tat-tali kwalifika. Il-persuni maħtura jridu jġibu, jew ġew approvati, għat-tali kwalifika fi żmien sena mid-data tal-ħatra tagħhom. Jekk l-iskadenza għall-kisba tal-imsemmija kwalifika ma tintlaħaqx, il-ħatra, għal din ir-raġuni, tiġi awtomatikament terminata.
ii. Kandidati li bħalissa qed isegwu programm ta’ studju rikonoxxut f’livell tal-MQF ogħla minn dak mitlub hawn fuq jiġu kkunsidrati wkoll. Dawn il-kandidati għandhom jissottomettu evidenza li temmew b’suċċess il-kretti meħtieġa tal-ECTS, jew ekwivalenti, u laħqu l-livell tal-MQF meħtieġ, sal-ħin u d-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet. L-applikanti prospettivi għandhom jinnotaw ir-rekwiżit li jipproduċu dikjarazzjonijiet ta’ rikonoxximent tal-MQRIC fir-rigward tal-kwalifiki tagħhom mill-MQRIC, jew awtorita’ pertinenti oħra, kif applikabbli, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għal din is-sejħa għall-applikazzjonijiet (ara l-ħolqa aktar l’isfel).
4.3. Uffiċjali Pubbliċi li għandhom grad fi klassi partikolari, u li ngħataw il-ħatra ta’ Officer in Scale permezz ta’ deċiżjoni tal-Grievances Unit fl-istess skala ta’ dak ta’ grad ogħla fl-istess klassi, huma eliġibbli li japplikaw għal gradi miftuħa għal uffiċjali li għandhom tali grad ogħla bl-istess skala ta’ dik tal-ħatra ta’ Officer in Scale.
Is-snin ta’ servizz mid-data ta’ meta ġiet effettiva l-ħatra bħala Officer in Scale jgħoddu bħala parti mis-snin ta’ servizz mitluba fis-sejħa t’applikazzjonijiet.
Kwalunkwe kriterju ieħor t’eliġibbilta’ għall-post irid jiġi sodisfatt skont din is-sejħa t’applikazzjonijiet.
4.4 Uffiċjali pubbliċi li bħalissa għandhom ħatra bħala Uffiċjal fil-Grad huma kkunsidrati fuq bażi personali li jappartjenu għall-Klassi/Stream tal-grad sostantiv immedjatament preċedenti tagħhom, u jistgħu japplikaw fuq il-bażi tal-iskala kurrenti tagħhom bħala Uffiċjal fil-Grad, li għandha tkun ekwivalenti għal, jew ogħla minn, il-livell ta’ eliġibbilta’ meħtieġ minn din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Is-snin ta’ servizz mid-data effettiva tal-ħatra bħala uffiċjal fil-Grad huma kkalkulati għall-iskop li jissodisfaw is-snin meħtieġa ta’ ‘servizz fil-grad’ kif stipulat fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet.
Kwalunkwe rekwiżit ieħor ta’ eliġibbiltà għall-post għandu jintlaħaq f’termini ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Dettalji tal-Ministeru / Dipartiment
Ministeru: |
Ministeru għall-Finanzi |
Persuna Responsabbli: |
Sa Analise Bonello |
Indirizz: |
Cavalier House, 158, Triq iz-Zekka, Il-Belt Valletta. |
Telefon: |
25998431 |
Indirizz Elettroniku: |
Nota
- F'każ ta' konflitt fl-interpretazzjoni ta' xi parti/jiet mis -sejħa għall-applikazzjonijiet, l-interpretazzjoni finali trid tkun dik tal-verżjoni Maltija tas-sejħa.